KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AMBJENT U L-IPPJANAR TAL-IŻVILUPP
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)
IT-TNAX-IL PARLAMENT
Laqgħa Nru. 35
L-Erbgħa, 15 ta’ Marzu, 2017
Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan
Kamra tad-Deputati
Malta
Prezz €2.50
IT-TNAX-IL PARLAMENT
KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AMBJENT U L-IPPJANAR TAL-IŻVILUPP
Laqgħa Nru. 35
L-Erbgħa, 15 ta’ Marzu, 2017
Il-Kumitat iltaqa' fil-Parlament, il-Belt Valletta, fis-6:42 p.m.
MINUTI THE CHAIR (Onor. Franco Mercieca): Hawn xi korrezzjonijiet għall-Minuti?
ONOR. RYAN CALLUS: Sur President, fl-aħħar laqgħa aħna, bħala Oppożizzjoni, tlabna biex id-deċiżjoni minn dan il-Kumitat tittieħed wara li jkunu daħlu s-sottomissjonijiet tal-pubbliku għand il-Planning Authority (PA). Jien naf li l-Minuti ma jinkludux kollox, però naħseb li dan huwa punt importanti li għandu jiġi enfasizzat fil-Minuti.
THE CHAIR: Jiġifieri wara li jidħlu l-proposti kollha?